L-ISTORJA TAT-TABAKK

L-użanza tat-tipjip tat-tabakk hija waħda antika ħafna. Fiż-żminijiet ta’ qabel Kristofru Kolombu, it-tipjip kien parti ewlenija tat-tradizzjonijiet, tal-kultura u tar-riti reliġjużi tal-popli indiġeni kollha. Meta l-baħħara ta’ Kristofru Kolombu niżlu fil-gżira ta’ San Salvador fl-1492, raw li ħafna mill-Indios kienu jżommu f’idhom tip ta’ bastun b’ġamra mixgħula f’tarf minnhom, u li dawn kienu jiġbdu d-duħħan mit-tarf l-ieħor. Fl-1500, mid-Dinja l-Ġdida, it-tabakk infirex ukoll fl-Ewropa. Din il-pjanta ġiet imkabbra għall-ewwel darba fil-ġnien irjali ta’ Lisbona fl-1558, u l-ambaxxatur Franċiż Jean Nicot kien bagħat iż-żrieragħ minnha mill-Portugall lejn Franza fl-1560.  

Fil-bidu, il-“ħaxixa Amerikana” kienet tintuża prinċipalment bħala mediċina. Kien maħsub li setgħet tfejjaq bosta tipi ta’ mard. Hu għalhekk li kienet tintuża mill-ispiżjara bħala kura kontra l-pesta, l-ulċeri fl-istonku u l-pulmonite. Il-feriti kienu donnhom jitnaddfu wara li jiġu trattati bid-duħħan, u kien maħsub li l-effett tat-tabakk fuq it-tħassir tas-snien kien wieħed saħansitra mirakoluż.

Matul is-seklu sbatax, it-tabakk tilef il-karatteristiċi mediċi li kienu ngħatawlu u kiseb l-istat ta’ prodott ta’ lussu, li dak li jkun kien juża skont l-istat soċjali tiegħu: is-suldati kienu jogħmoduh, l-uffiċjali kienu jpejpuh bil-pipa u l-aristokratiċi kienu jiġbduh b’imnifsejhom. Fl-1700, biex ikunu meqjusa bħala gentlemen veri, persuni borgiżi kien ikollhom jafu kif jiġbdu t-tabakk b’imnifsejhom. Dak iż-żmien, il-kaxxi tat-tabakk tad-deheb li jiswew ħafna flus kienu saru status symbol. Fl-ewwel nofs tas-seklu dsatax, fis-salotti Ewropej kollha saru moda s-sigarri, li qabel kienu jpejpuhom biss l-Ispanjoli.

Fis-seklu dsatax infirex ukoll l-użu tas-sigaretti, li saru dejjem aktar popolari fl-Ewropa kollha wara l-Gwerra tal-Krimea, meta l-veterani marru lura d-dar b’ċilindri tal-karta mimlija bit-tabakk. Fil-bidu s-sigaretti kien jsiru bl-idejn, iżda fl-1880 fl-Istati Uniti ġiet introdotta l-ewwel magna għall-ippakkjar.

 

International Tobacco PLC - London